Il-passa tar-rebbiegħa – Ftit pariri għal min irid josserva l-għasafar

May 2, 2021 4:55 pm

Meta, minn żmien għal żmien, nippostja xi filmat qasir ta’ għasfur li nkun rajt waqt waħda mill-mixjiet tiegħi, titfaċċa dejjem il-mistoqsija: “Imma kif irnexxielek tarah? Għax jien qatt ma nara xejn ħlief Għasafar tal-Bejt!”

L-Għasfur tal-Bejt (Ritratt ta’ Aron Tanti)
Isfar (Ritratt ta’ Aron Tanti)

Issa li l-passa tar-rebbiegħa tinsab fl-aqwa tagħha, hu żmien tajjeb biex wieħed joħroġ u jduq ftit mis-sbuħija ta’ dan il-fenomenu naturali.

Huwa veru li ngħixu f’pajjiż iffullat bin-nies u bil-bini, imma dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. Ibda billi ssir aktar konxju/konxja ta’ x’hemm madwarek.

U jekk mingħalik li ħlief tal-Bejt ma tarax, l-ewwel pass għandu jkun li tieqaf għal ftit ħin tosserva dan l-għasfur – id-daqs, il-kulur tar-rix, l-għajta, it-titjira u l-mod kif jaqbeż fuq saqajh meta jkun fl-art. Ġaladarba tidrah, se tkun kapaċi tagħraf għasafar oħra minnu.

It-tieni pass hu li toħroġ minn darek, u tagħżel il-postijiet fejn tmur timxi. U aktar ma jkun kmieni, aktar aħjar. Jekk m’għandekx il-ħin għal mixja fil-kampanja, ipprova għaddi minn fejn hemm xi għelieqi mal-ġnub tat-triq, jew ġnien pubbliku. Żomm għajnejk miftuħa għal x’hemm madwarek, fil-ħaxix u fis-siġar, u sintendi fl-ajru. Fi ġranet tajbin tal-passa, għasafar bħall-Ħuttaf, il-Ħawwief u r-Rundun spiss jidhru jittajru anke qalb il-bini, u l-forma partikolari tagħhom, flimkien mat-titjira, żgur li tgħinek tagħrafhom minn tal-Bejt.

Wara s-suċċess tal-kampanja tal-passa tal-ħarifa s-sena li għaddiet, BirdLife Malta nidiet it-tieni kampanja #onthemove biex tesponi s-sbuħija li jipprovdi l-ispettaklu tal-passa tal-għasafar, din id-darba dik tar-rebbiegħa. Il-kampanja għandha l-għan li tispira lill-pubbliku biex igawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar li jpassu minn fuq Malta tul ir-rebbiegħa. Żur https://birdlifemalta.org/onthemove biex tiskopri aktar dwar din il-kampanja

Tajjeb ukoll illi jekk ikollok iċ-ċans, tpoġġi bilqiegħda fuq xi bank ta’ ġnien u tosserva x’hemm madwarek. Uża widnejk daqskemm tuża għajnejk, għaliex għasfur aktar għandek ċans li tinduna li qiegħed qribek billi tisimgħu milli tarah. Ħares lejn id-direzzjoni minn fejn ġejja l-għajta jew l-għanja, għax f’xi ħin l-għasfur se jtik ċans tarah. Tromba żgħira li hi komda biex iġġorrha miegħek, tgħinek tara aħjar l-għasfur li tkun osservajt.

Ir-Riserva Naturali tal-Għadira (Ritratt ta’ Aron Tanti)
Ir-Riserva Naturali tas-Simar (Ritratt ta’ Aron Tanti)

M’għandniex xi ngħidu, mixja fil-kampanja dejjem hemm iċ-ċans li tagħti riżultati aħjar. Anke hawnhekk hu importanti li minn ħin għal ħin, tpoġġi bilqiegħda taħt xi siġra jew ħajt tas-sejjieħ, u fis-skiet tosserva x’hemm madwarek, jew fuqek. U jekk il-ħin hu importanti, xejn inqas mhu t-temp.

F’jum bnazzi bix-xemx tiżreġ, ħafna għasafar tal-passa aktarx jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jaqbdu l-art. Imma hekk kif jissaħħab, jew tibda traxxax xi ftit tax-xita, is-sitwazzjoni taf tinbidel mil-lejl għan-nhar. Meta għasfur tal-passa jsib il-maltemp quddiemu, il-probabbiltà hi li jieqaf jistkenn fl-ewwel art li jsib flok jibqa’ jtir fuq il-baħar. U peress li l-kosta hi l-ewwel art li jaqbdu, fir-rebbiegħa, mixja tul l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u l-madwar għandha tkun post tajjeb fejn tittanta xortik biex tara ftit għasafar.

Bagħdan Aħmar (Ritratt ta’ Aron Tanti)

Il-Buskett, bil-ħabitat uniku tiegħu, jibqa’ dejjem wieħed mill-aħjar postijiet, Imma jekk għadek tibda dan il-passatemp, żomm f’moħħok li qalb is-siġar kbar u folti hu ferm aktar diffiċli li tara għasfur milli fil-beraħ, jew tal-anqas f’ambjent fejn is-siġar huma aktar imbegħdin minn xulxin. Postijiet bħall-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, jew Melita Gardens qrib Kennedy Grove, jaf ikunu aktar addattati. Sintendi, fi ġranet fejn dawn il-postijiet ikunu ffullati bin-nies, insa li se tara l-għasafar fihom.

Ir-riservi naturali tal-Għadira, is-Simar u s-Salina jibqgħu postijiet ideali biex wieħed igawdi l-meravilja tal-passa, kemm minħabba l-ħabitati uniċi kif ukoll minħabba li r-riservi ta’ BirdLife Malta u kulma jgħix fihom huma protetti. Mixja tul il-mogħdijiet u titwila mill-birdwatching hides żgur li jlaqqgħuk ma’ varjetà sabiħa ta’ għasafar, li jieqfu jistrieħu fir-riservi qabel ikomplu l-vjaġġ tagħhom lejn il-kontinent Ewropew.

Minn Jason Aloisio, Field Teacher ta’ BirdLife Malta