Spazji għan-natura

Ir-riservi naturali ta’ BirdLife Malta

Il-funzjoni ewlenija tar-riservi naturali tagħna hi li jħarsu l-ħabitati rari u l-flora u l-fawna li nsibu fihom.

Imma r-riservi naturali huma wkoll siti importanti għan-nies li jżuruhom. Ftit sigħat fil-kwiet imdawrin bin-natura jipprovdu l-isbaħ ħarġa għall-familja. Għal din ir-raġuni r-Riservi Naturali tal-Għadira, is-Simar, Foresta 2000 u s-Salina mmexxija minn BirdLife Malta huma miftuħin għall-pubbliku. Id-dħul f’dawn il-postijiet huwa bla ħlas.

Fi wħud minn dawn is-siti jsiru b’mod regolari attivitajiet fi tmiem il-ġimgħa sabiex tkun offruta esperjenza aktar kompluta lill-viżitaturi, speċjalment it-tfal u l-familji tagħhom. Ir-riservi naturali huma wkoll siti eċċellenti għall-edukazzjoni ambjentali, fieldwork u riċerka xjentifika, u kull sena eluf ta’ studenti u l-għalliema tagħhom jżuru dawn is-siti bħala parti mir-rekwiżiti tal-kurrikulu.

BirdLife Malta hi impenjata li taħdem biex ir-riservi naturali tagħha jkomplu jipprovdu spazju għan-natura u post mill-aqwa għal dawk li jżuruhom biex igawdu n-natura.

Għal aktar dettalji, kuntatti u ħinijiet tal-ftuħ ta’ kull riserva, ikklikkja hawn.

BirdLife Malta
57/28 Triq Abate Rigord
Ta’ Xbiex XBX 1120
Malta

+356 2134 7645
[email protected]
https://birdlifemalta.org

BirdLife Malta twaqqfet fl-1962 bħala s-Soċjetà Ornitoloġika Maltija. Il-missjoni tagħha kienet l-istudju u l-konservazzjoni tal-għasafar, missjoni li għadha tiggwida dak kollu li tagħmel BirdLife Malta llum. Tkun xi tkun l-attività – ir-riċerka dwar l-għasafar, il-ġlieda kontra l-kaċċa u l-insib illegali, il-protesti kontra l-iżvilupp urban, il-pubblikazzjoni ta’ kotba u rivisti, it-tmexxija ta’ programmi edukattivi fl-iskejjel – l-għan ewlieni dejjem jibqa’ l-konservazzjoni tal-għasafar.

Il-ħarsien tal-għasafar ma jistax isir f’iżolament. Bħal kull ħaġa oħra ħajja, l-għasafar jiffurmaw parti minn katina tal-ikel kumplessa u jiddependu fuq ekosistema u ħabitat b’saħħithom. Hu għalhekk li r-restawr tal-ħabitati u l-protezzjoni tal-wirt naturali dejjem kienu fuq nett tal-prijoritajiet ta’ BirdLife Malta.

Bir-rata insostenibbli li biha kulma jmur qed tisparixxi l-kampanja Maltija, il-ħarsien tas-siti naturali llum hu aktar importanti minn qatt qabel. Biex tagħmel dan BirdLife Malta tiddependi fuq l-appoġġ tal-membri tagħha. Jekk m’intix membru ta’ BirdLife Malta diġà, inħeġġuk tikkunsidra li tingħaqad magħna billi tagħfas hawn.

Ritratti: Aron Tanti, Mario V. Gauci, Robert Mlinac, Jonathan Caruana, Ian Noel Pace, Antoine Monnier, Cinzia Mintoff, Vera Tokmakova, Murat Gelir, BirdLife Malta

Is-Simar

Fl-1992 beda x-xogħol fis-Simar biex l-art mistagħdra tiġi restawrata u s-sit jinbidel f’riserva naturali. Illum l-bur salmastru, il-kanali u l-irqajja’ tal-qasab fis-Simar mimlijin ħajja. Dawn il-ħabitati rari jipprovdu kenn għal ħafna pjanti u annimali, inkluż speċi rari bħar-Ruppja. Aktar minn 120 speċi ta’ għasafar iżuru r-riserva naturali kull sena, inkluż il-Blonġun Żgħir li jbejjet hemmhekk, u ma jbejjet imkien ieħor f’Malta. Is-Simar huwa sit Natura 2000. Ir-riserva tkun miftuħa għall-iskejjel u għall-pubbliku; u l-faċilitajiet jinkludu ċentru għall-viżitaturi, mogħdijiet fin-natura, tabelli informattivi u hide għall-osservazzjoni tal-għasafar (birdwatching). Id-dħul huwa b’xejn.

@SimarNatureReserve

L-Għadira

Ix-xogħol fl-Għadira biex tinbidel f’riserva naturali u biex tiġi mħarsa u estiża l-art mistagħdra beda fl-1980. Taħt it-tmexxija ta’ BirdLife Malta l-bur salmastru, l-għadira mielħa u l-għaram tar-ramel ingħataw ħajja ġdida. Dawn il-ħabitati rari jipprovdu kenn għal rikkezza ta’ flora u fawna li nsibu f’dawn il-postijiet, fosthom il-Pankrazju u l-Bużaqq. Aktar minn 140 speċi ta’ għasafar jżuru s-sit kull sena, fosthom il-Fras-servjent u l-Monakella li anke jbejtu f’dan il-post. L-Għadira hija sit Natura 2000. Ir-riserva naturali tkun miftuħa għall-iskejjel u għall-pubbliku u l-faċilitajiet fis-sit jinkludu ċentru għall-viżitaturi, mogħdijiet fin-natura, tabelli informattivi u hide għall-osservazzjoni tal-għasafar (birdwatching). Id-dħul huwa b’xejn.

@GhadiraNatureReserve

Is-Salina

Għal erba’ sekli s-Salina kienet iż-żona prinċipali f’Malta għall-produzzjoni tal-melħ, imma għal ħafna snin il-post kien abbandunat. Ftit snin ilu s-salini tal-melħ ġew restawrati u fl-2016 it-tmexxija tas-Salina għaddiet f’idejn BirdLife Malta. Bil-ħarsien adegwat bħala riserva naturali, is-Salina kapaċi tiġi trasformata f’post ieħor fejn in-natura tiffjorixxi. Pjanti rari bħall-Għobbejra tal-Blat jikbru f’dan il-post, u għasafar rari bħall-Fjamingu jieqfu jistrieħu f’dan il-post. Is-Salina hija sit Natura 2000. Partijiet mis-sit huma miftuħa għall-pubbliku u l-faċilitajiet jinkludu ċentru tal-viżitaturi, mogħdijiet fin-natura, tabelli informattivi u hides għall-osservazzjoni tal-għasafar (birdwatching). Id-dħul huwa b’xejn.

@SalinaNatureReserve

Foresta 2000

Il-proġett tal-bosk Foresta 2000 kien l-inizjattiva ta’ BirdLife Malta għall-millennju. L-għan kien li dan is-sit jipprovdi kenn għal pjanti u annimali tipiċi ta’ dan il-ħabitat bit-tkabbir ta’ żona ta’ foresta Mediterranja, ħabitat li llum huwa kważi estint f’Malta. Ix-xogħol beda fl-2002, bit-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar u arbuxxelli indiġeni. Il-ħajja naturali li nsibu fil-post tinkludi l-Fenek Selvaġġ u l-Ballottra, waqt li aktar minn 100 speċi differenti ta’ għasafar jiġu osservati f’dan il-post kull sena. Il-Foresta 2000 hija sit Natura 2000. Is-sit ikun miftuħ għall-pubbliku l-ħin kollu, u fih insibu diversi mogħdijiet u tabelli informattivi. Id-dħul huwa b’xejn.

@Foresta2000