Ban Lead Now | Sign Our Petition. Iċ-ċomb huwa tossiku ħafna. Fl-Ewropa diġà ġie pprojbit mill-petrol, miż-żebgħa u mill-pajpijiet għaliex iġorr riskji serji għas-saħħa. M’hemm l-ebda livell li nistgħu nkunu esposti għaċ-ċomb b’sigurtà. Madankollu, iċ-ċomb għadu jintuża ħafna fl-isparar u fis-sajd.
Kull sena, 44,000 tunnellata ta’ munizzjon u piżijiet tas-sajd taċ-ċomb jiġu rilaxxati fl-ambjent tal-Ewropa. Din il-kontaminazzjoni inviżibbli qed tavvelena l-ħajja selvaġġa, qed thedded lil saħħitna, qed tikkontamina l-ilma u l-ħamrija, u qed tpoġġi f’periklu lill-annimali domestiċi u l-bhejjem tagħna.
Is-saħħa tal-bniedem: Meta l-munizzjon taċ-ċomb jintuża għall-kaċċa, biċċiet żgħar ħafna taċ-ċomb jinxterdu fil-laħam u jpoġġu lil dawk li jikkunsmawh f’riskju. In-nisa tqal u t-tfal issirilhom ħafna ħsara meta jkunu esposti għaċ-ċomb għaliex dan jaffettwa l-iżvilupp tal-moħħ u s-saħħa ġenerali. Bħalissa, miljun tifel u tifla madwar l-Ewropa jinsabu f’riskju li jkunu esposti għaċ-ċomb – riskju li jista’ jiġi evitat.
Il-ħajja selvaġġa: Kull sena, mill-inqas miljun għasfur imut bi tbatija kbira meta jibilgħu munizzjon jew piżijiet tas-sajd tossiċi. Fosthom xi wħud mill-ispeċi ikoniċi tal-Ewropa, bħaċ-ċinji u l-ajkli. Miljuni ta’ għasafar oħra jsofru mill-effetti tal-avvelenar miċ-ċomb u jbatu minn ħafna wġigħ li jaffettwalhom ħajjithom.
Il-ħamrija u l-ilma: Il-munizzjon u l-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb jikkontaminaw il-ħamrija u l-ilma tagħna, javvelenaw katini sħaħ tal-ikel– inkluż tagħna – u jħallu legat tossiku għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.
L-annimali domestiċi: L-annimali domestiċi ikunu f’riskju ta’ avvelenar miċ-ċomb jekk jieklu ikel tal-annimali magħmul minn laħam tal-kaċċa kontaminat u dan jista’ jagħmel ħsara lis-saħħa u l-benesseri tagħhom.
Il-bhejjem: L-annimali bħall-baqar u t-tiġieġ, jistgħu jibilgħu ċ-ċomb waqt li jkunu jirgħu f’art ikkontaminata u u dan ikun ta’ riskju għal saħħithom u għall-kwalità tal-provvista tal-ikel tagħna.
Fl-2021, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi rrikonoxxiet il-gravità tal-problema u pproponiet projbizzjoni fl-Ewropa fuq il-bejgħ u l-użu tal-munizzjon u l-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb. Issa qed inħeġġu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea biex jissiġillaw darba għal dejjem it-tmiem tal-avvelenar miċ-ċomb.
- Il-Kummissjoni Ewropea: Inħeġġuha tippubblika proposta biex tirrestrinġi b’mod effettiv l-użu tal-munizzjon u l-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb.
- Il-Gvernijiet tal-UE: Inħeġġuhom jappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ladarba tkun ippubblikata.
- Il-Parlament Ewropew: Inħeġġuh jivvota favur proposta b’saħħitha li tirrestrinġi l-munizzjon u l-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb.
L-eħfef mod li bih nistgħu nevitaw il-kontaminazzjoni miċ-ċomb hu li nipprojbixxu ċ-ċomb fil-munizzjon u fil-piżijiet tas-sajd. Illum jeżistu alternattivi mhux tossiċi għaċ-ċomb li huma effettivi u affordabbli. Issa l-waqt biex neħilsu minn din is-sustanza tossika madwar l-Ewropa.
Flimkien nistgħu nagħmlu l-Ewropa aktar sigura u b’saħħitha għan-nies u għan-natura. Iffirma din il-petizzjoni u ngħaqad magħna fit-talba biex jintemm l-avvelenar miċ-ċomb.
Iffirma l-petizzjoni issa: Ban Lead Now | Sign Our Petition



